gov.mt

PR261559

PR261559

26/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-Imsieħba Soċjali jiddiskutu l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-Labour Migration Policy

​



Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Dr Jonathan Attard u l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti pparteċipaw f’laqgħa tal-MCESD li fiha ġiet diskussa l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-Labour Migration Policy.
 
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Jonathan Attard saħaq kif “L-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-Labour Migration Policy kienet waħda pożittiva u li kompliet twassal il-politika tal-Gvern li l-migrazzjoni tax-xogħol ma tistax tkun sempliċiment kwistjoni ta’ kemm għandna bżonn ħaddiema, iżda ta’ liema ħaddiema u liema ħiliet verament jeħtieġ il-pajjiż. Irridu nkomplu nimxu lejn mudell aktar sostenibbli, ibbażat fuq l-evidenza u fuq il-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol, filwaqt li nkomplu ninvestu fil-ħaddiema tagħna u fl-upskilling u r-reskilling.”

Tkellem ukoll dwar l-importanza li tissaħħaħ l-istabbiltà fl-impjieg bħala element ċentrali għal suq tax-xogħol sostenibbli, flimkien ma’ infurzar u konformità aktar effettivi. Dan mhux biss isaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema, iżda jikkontribwixxi wkoll għal kundizzjonijiet aktar ġusti bejn min iħaddem u suq tax-xogħol aktar stabbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità, il-Kurunell Edric Zahra, u s-Sinjura Graziella Cauchi minn Jobsplus taw rendikont tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-politika u spjegaw l-impatt tal-miżuri introdotti. Huma enfasizzaw il-progress li sar biex tissaħħaħ l-istabbiltà fl-impjieg u l-konformità fis-suq tax-xogħol, kif ukoll il-ħidma biex jinħoloq qafas li jorbot aktar mill-qrib il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol mal-ħiliet meħtieġa, l-integrazzjoni u l-protezzjoni tal-ħaddiema.

Intqal li matul l-ewwel sena ġew introdotti bosta miżuri, li jkopru fost l-oħrajn ir-rati ta’ terminazzjoni mill-impjieg, il-metodu tal-ħlas tas-salarju, ir-rekwiżiti marbuta mal-avviżi ta’ impjieg, il-limiti fuq l-applikazzjonijiet għall-ħaddiema, il-lista ta’ okkupazzjonijiet li jeħtieġu ħiliet speċifiċi, it-tariffi, il-perjodi ta’ tiġdid u l-integrazzjoni tal-ħaddiema barranin.

Kien innutat ukoll li żdiedu l-applikazzjonijiet għal Liċenzji ta’ Impjieg Sekondarju, li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà jinsabu f’impjieg jaħdmu part-time sa massimu ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa.

Fost il-miżuri l-oħra introdotti hemm ukoll Labour Market Test (LMT) kull xahar għal kull min iħaddem.

Għas-settur tas-saħħa u tal-kura, ġiet introdotta wkoll tariffa mnaqqsa għal professjonisti kwalifikati, kif ukoll għall-ħaddiema li jipprovdu kura diretta lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti min-naħa tiegħu nnota r-rispons pożittiv tal-imsieħba għall-kisbiet mit-tħaddin ta’ din il-politika fl-ewwel xhur. Huwa enfasizza dwar l-importanza tad-djalogu kontinwu bejn l-istess imsieħba u l-importanza li din il-politika tkompli tiġi aġġornata biex tindirizza r-realtajiet preżenti u dawk tal-futur.

Iċ-Chairperson tal-MCESD is-Sinjura Maria Micallef qalet li l-politika dwar il-migrazzjoni, imnedija fl-2025, ġiet diskussa mill-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD, li taw il-fehmiet tagħhom dwar l-implimentazzjoni tagħha. 

“Kien hemm qbil unanimu li din il-politika tmexxiet tajjeb u diġà qed tħalli benefiċċji, filwaqt li ġie rikonoxxut li għad hemm lok għal titjib,” qalet Micallef.
 
Id-diskussjoni mal-imsieħba soċjali ffukat ukoll fuq il-ħidma li għadha għaddejja. Fost il-prijoritajiet hemm aktar żvilupp tal-politika wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, evalwazzjoni tal-eżenzjonijiet mit-Termination Quota u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ validità tal-permess aktar armonizzata li tirrikonoxxi l-konformità, iż-żamma tal-ħaddiema u l-integrazzjoni.

Qed jiġu kkunsidrati wkoll distinzjoni aktar ċara bejn miżati amministrattivi u dawk relatati mal-konformità, riforma tal-qafas tar-riunifikazzjoni tal-familja, kif ukoll aġġustamenti fl-istruttura tat-tariffi.

Il-ħidma fuq il-Labour Migration Policy se tkompli permezz ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u ta’ evalwazzjoni kontinwa tal-miżuri introdotti, bil-għan li l-qafas tal-migrazzjoni tax-xogħol jibqa’ jirrifletti l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jsaħħaħ l-istabbiltà, il-konformità, l-integrazzjoni u l-protezzjoni tal-ħaddiema.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Minsiteru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol is-Sur Ronald Mizzi u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur is-Sur Jonathan Vassallo, il-Kap Eżekuttiv tal-MCESD Dr Brendan Zerafa, rappreżentanti tal-MCESD u msieħba soċjali.


​